Għal grazzja ta’ Alla wasalna lura d-dar wara ħmistax il-ġurnata fil-missjoni tal-Guatemala.

Il- missioni tagħna ma bdietx meta wasalna il-Guatemala imma ferm qabel. Kemm il- familjari tagħna u anke diversi persuni oħra  għenuna fil-ġbir ta’ fondi u b’ hekk stajna ngħadduhom lil Dun Anton Grech biex hu jkompli jgħin liż- żgħażagħ u lit tfal. Minn qalbna nirringrazzjaw lil min b’mod jew ieħor kien ta’ għajnuna għalina.

Bis-saħħa ta’ dawn l-attivitajiet sirna nafu iżjed lil xulxin u issaħħaħna bhala group. Għalhekk meta konna f’din l-avventura kien hemm armonija sħiħa.

Stella Maris – Stilla talbaħar,

Bħala kumpless ġewwa Izabal fejn konna noqgħodu ma Dun Anton Grech – hawnhekk issib:

  • Knisja, fejn f’nofs l-artal hemm fonti kbir tal- magħmudija – Battisteru
  • l-ground tal-futboll li jintuza kuljum minn nies tal-post ghal-loghob tal-futbol, u attivitajiet
  • L-istazzjon televiżiv Stella Maris – mmexxi minn tfal, żgħażagħ u adoloxxenti.
  • Qed tinbena dar ghal tfajliet tqal li jkollhom problema ta’ abitazzjoni.
  • Sala imdaqqsa fejn ser jibdew isiru lezzjonijiet tal- mużika
  • Computer Lab
  • U Dormitorju fejn konna noqgħodu aħna wiehed ghan-nisa u ieħor ghal-irġiel.

Dan kollu biex kemm jista ikun iż- żgħażagħ u l-adoloxxenti jitbiegħdu mill-vizzji. Dun Anton għandu ukoll diversi ħaddiema li jibnu, isajru, jaħslu u jassistuh  ta’ kuljum.

Kull nhar ta’ Sibt filghaxija konna inmorru ġo dar ta xi uħud mil-lajċi, fejn kienet tiġi iċċelebrata l-Ewkaristija. Il-lajci kollha tal-viċin kienu jkunu mistiedna.

Iċċelebrajna l-quddies ukoll ġewwa l- Knisja tas- Salib ta’ Malta li hija xi 10 minuti ‘l boghod. Li innutajt hu l-preparazzjoni u s-sehem ta’ kullħadd mil-kbir saż-żgħir waqt il-quddiesa. Il-quddiesa hija ħajja animata  bil-kant u t-talb minn kulħadd. Xi ħlewwa meta tara it-tfal imorru wieħed wieħed fejn is- saċerdot biex jagħtu il-paci lilu u lil familja tagħhom. Il-letturi jiltaqħu minn qabel biex jippreparaw il-qari u fill bidu tal quddiesa jinżlu purċissjoni mas -saċerdot u l-abbatini. Innutajt ukoll li waqt it-tqarbin l-abbati imur ħdejn is-saċerdot\ministru tat -tqarbin b’xemgħa bħala turija li hemm Alla preżenti.

Il -villaġġi

B’kollox morna 6 villiaġġi, xi ħaġa  komuni fihom kollha hi l-mod ta’ kif jilqgħu lis-saċerdot: bid- daqq u l-kant imma fuq kollox bl- imħabba u l-fidi.. Hija festa għax wasal Ġesu Ewkaristija f’nofshom. Kulħadd ferħan bix- xejn li għandhom, U xi ngħidu għat-tfal kollha wiċċ wieħed iduru magħna u mas- saċerdot. Mil ftit li għandhom, wara l-quddiesa jistidnuk biex tiekol minn dak li ikunu ppreparaw. Dawn il-villaġġi kollha imbegħdin għal Dun Anton biex żorna wieħed minnhom għamilna 1 ½ hr karozza u sagħtejn miexi f’xemx tiżreġ, ġol-ġungla, xmajjar u għoljiet. F’kull quddiesa li ġiet iċċelebrata dejjem kien hemm xi okkażżjoni ta’ Magħmudija jew ta’ tieġ. U saħansitra ġo villaġġ minnhom ir-rettur tagħna kellu jgħammed għaxra min-nies.

Villaġġ li għamilli dieqa f’qalbi hu “Garbage Village”. F’dan il-post ma ġietx iċċelebrata l-Ewkaristija imma l-għan tal-vista tagħna kien li nqasmu xi ikel lil dawn in-nies. Ix-xogħol tagħhom hu li jisseparaw l-iskart iżda sfortunatament dawn in-nies tilfu d-dinjita’ tagħhom għax jgħixu mal-iskart innifsu.

L-aktar villaġġ li laqatni huwa meta Dun Anton bierek u qaddes l-ewwel quddiesa ġo knisja.

Meta konna sejrin Dun Anton lanqas kien ċert jekk hux ser issir quddiesa taħt xi siġra jew le. Imma meta wasalna sibna għarix magħmul minn twaveli tal-injam u b’saqaf taz-zingu u palm. Ġewwa imżejjen bil-bżieżaq, l-art tafal imballat, mejda bid- dvalja bajda u fuqa borma tat-tisjir mimlija bl-ilma biex  tkun tista titbierek u biex Dun Anton ibierek ukoll ix-xogħol li għamlu. Riedu jagħmlu dar għal Alla biex ikollhom fejn jiċċelebraw l-Ewkaristija. O kieku għandi fidi daqs żerriegħa tal-mustarda.

Xogħol ġewwa l-Kumpless Stella Maris:

 

Għamilna diversi xogħlijiet, skont il-professjoni ta’ kull wieħed u waħda minna

  • Xi uħud minna marru ġo skola u hemm taw preżentazzjoni fuq Malta u qagħdu jilagħbu magħhom il-passju.
  • Ingħatat manutenzzjoni lil pickup tal-qassis, lil xi muturi u mħaret.
  • Ġiet installata sistema bil-lingwa spanjola fuq 10 kompjuters u 8 laptops li ħadna magħna u li iss ser jingħataw lin-nies fil-villaġġi.
  • Saret manutenzjoni ta’ 22 kompjuter u installazzjoni ta’ printer li jinsabu ġo laburatorju fejn issiru l-lezzjonijiet
  • Neħħejna materjal żejjed li kien hemm fil-ġnien, ġie mferrex żrar fil-parkeġġ tal-kumpless u fil-passaġġi li jagħtu għad-dar tal-qassis.
  • Ħawwilna diversi pjanti, ħxejjex u fjuri biex isebħu quddiem il-knisja u fil- ġnien.
  • Neħħejna ħajt u wara li ħammilna ghal pedamenti, inbena ħajt biex ikun ta’ livell mal-post.
  • Inbena pedestall, żejjienna madwaru u poġġejna xbieha tal-Madonna.
  • Tneħħa gallinar li ma kienx għadu jintuża, żidnielu l-ħamrija , tħawlu aktar pjanti fosthom ħwawar tal-ikel.

Wasalna lura  imma l- missjoni tkompli għalhekk ejjew nitolbu lil Sid il-ħsad biex jibgħat aktar ħaddiema fl-għalqa tiegħu.