Inħossni ħafna grat lejn il-Mulej li tani l-grazzja nagħmel esperjenza missjunarja fil-Guatemala bejn l-1 ta’ Mejju u t-22 ta’ Ġunju 2015, bħala parti miż-żmien sabbatiku tiegħi. Kont mal-missjunarju Għawdxi Fr. Anton Grech, f’Santo Tomas, Izabal.

2015-05-08 08.32.37

Il-parroċċa ta’ Dun Anton hija waħda kbira u attiva ħafna. In-nies jikkollaboraw u jafu jifirħu b’dak kollu li jiġi offrut lilhom. Minbarra l-knisja prinċipali, iddedikata lill-ewwel qaddis tal-Guatemala, Santo Hermano Pedro, Dun Anton bena knisja oħra ddedikata lill-Madonna taħt it-titlu ta’ Stella Maris. L-attendenza għall-Quddiesa, fiż-żewġ knejjes, hija waħda tajba ħafna. Ħafna sabiħa hija wkoll il-preżenza ta’ diversi gruppi ta’ nies li jiltaqgħu regolarment biex jitolbu u jirriflettu fuq il-Kelma ta’ Alla, imsejħin “komunitajiet żgħar”. Kull nhar ta’ Sibt filgħaxija l-Quddiesa minflok fil-knisja ssir fid-dar ta’ xi familja u għaliha jkunu mistiedna n-nies l-oħra, speċjalment il-ġirien u l-ħbieb. Fil-parroċċa nnutajt li huma ħafna attivi wkoll iż-żgħażagħ. Baqgħet immarkata f’moħħi laqgħa ta’ talb li darba stednuni mmexilhom quddiem Ġesù Ewkaristija. Ħassejtni żgħir quddiemhom meta jien u għaddej inberikhom b’Ġesù Ewkaristija rajthom jibku bil-ferħ u jtawwlu jdejhom biex imissuh u jżommuh wieqaf għal ftit waqtiet quddiemhom, waqt li jħarsu lejh u jkellmuh fis-skiet ta’ qalbhom.

Minbarra l-ħidma ordinarja fil-parroċċa, Dun Anton għandu 26 villaġġ imxerrdin fil-foresta. Parti mix-xogħol tagħna kien li nżuru dawn il-villaġġi, niċċelebraw l-Ewkaristija magħhom, niltaqgħu man-nies u, jekk ikun hemm bżonn, ngħinuhom f’xi ħtiġijiet tagħhom. Normalment meta naslu fil-villaġġ  konna nsibu lin-nies jistennewna. Kien jolqotni l-ferħ fuq wiċċhom, speċjalment it-tfal. Kont nieħu l-impressjoni li huma għatxanin għal Alla, għall-Kelma tiegħu, għall-Ewkaristija, għas-saċerdot. Kienet tolqotni ħafna l-fidi tagħhom; fidi sempliċi imma profonda. Mill-mod kif kienu jitolbu, kont ninduna li tassew jemmnu! Fihom kont nilmaħ dejjem dawk “iċ-ċkejknin” li minnhom jitkellem Ġesù fil-vanġelu (ara Mt 18,2-4).

2015-06-17 09.57.21

Il-katekisti tal-post kienu jkunu diġà ppreparaw lin-nies għall-Quddiesa u, jekk ikun hemm xi magħmudija jew l-ewwel tqarbina, kienu jkunu wkoll ħejjew lill-ġenituri u lit-tfal li jkunu se jirċievu s-sagramenti. Il-liturġija kienet tkun animata tajjeb. Kien jolqotni l-fatt li anke fl-iżgħar villaġġ, fejn ikun hemm knisja żgħira u fqira mibnija bl-injam, kien ikollhom min idoqq id-drums u l-kitarri u min janima l-kant. Xi drabi wara l-Quddiesa kienu jlestulna xi ħaġa x’nieklu, speċjalment meta l-villaġġ kien ikun ‘il bogħod u kien jibqgħalna triq twila lura. Kull darba, qabel inħallu xi villaġġ, kont nirringrazzja l-Mulej f’qalbi li tahom il-grazzja jerġgħu jaraw lis-saċerdot u jiċċelebraw miegħu l-Ewkaristija. Fl-istess ħin qalbi kienet tingħafas għalihom x’ħin niftakar li probabilment mhux se jerġgħu jaraw saċerdot qabel xahar ieħor!

Din l-esperjenza għenitni nagħraf aktar il-valur tas-saċerdot. F’dan is-sens stajt napprezza aktar il-vokazzjoni tiegħi u ħassejtni ferħan li jien saċerdot. Fl-istess ħin stajt napprezza wkoll ir-rwol tal-lajċi fil-knisja. F’realtaijiet bħal dawn tal-missjoni allaħares ma jkunux il-lajċi, speċjalment il-katekisti u l-ġenituri nsara, biex iżommu ħajja l-fidi u jgħadduha lil uliedhom. F’kull villaġġ hemm il-katekisti li jieħdu ħsieb ilaqqgħu il-komunità, imexxu ċelebrazzjonijiet tal-Kelma ta’ Alla u jagħtu t-tqarbin. Dan jagħmluh aktar minn darba matul il-ġimgħa, speċjalment fil-jum tal-Ħadd. Fl-istess ħin huma jippreparaw lin-nies għas-sagramenti biex meta jiġi s-saċerdot isibhom diġà mħejjija.

Parti importanti mill-ħidma tal-missjunarju hija li jifforma lil dawn il-katekisti u jsegwihom fil-ministeru tagħhom. Kienet tolqotni s-serjetà li biha jidħlu għal dan l-impenn. Kien ikollhom laqgħat ta’ formazzjoni kull xahar, darba fil-parroċċa u darba fid-djoċesi. Kienu jagħmlu sagrifiċċju u jiġu mill-bogħod, imma kienu jiġu! Ħafna minnhom ma kienx ikollhom karozza, allura jitilqu bil-mixi u jittamaw li jiltaqgħu ma’ xi ħadd għaddej bit-trakk biex jirkbu miegħu. Xi drabi kien ikollhom anke Irtir ta’ jumejn jew tlieta.

Kemm domt ma’ Dun Anton kelli x-xorti wkoll niltaqa’ aktar minn darba mal-isqof u mas-saċerdoti l-oħra tad-djoċesi ta’ Izabal: tmintax-il saċerdot b’kollox! B’mod ġenerali, ħadt l-impressjoni ta’ knisja ħajja, knisja li tmur għal dak li hu essenzjali, Knisja li tfittex verament il-glorja ta’ Alla u l-ġid sħiħ tal-bniedem. Anke l-istess proġetti soċjali u umanitarji huma dejjem immirati lejn il-Vanġelu, għax Kristu ġie jsalva lill-bniedem sħiħ. F’dan id-dawl kont nara d-diversi inizjattivi li ħa Dun Anton matul is-snin li ilu hemm, fosthom iż-żewġ fish farms u ċ-chicken farms f’irħula differenti, il-football pitch li bena għaż-żgħażagħ, id-diversi korsijiet ta’ computer organizzati fil-parroċċa u reċentement l-inizjattiva tal-clean stoves.

2015-06-19 17.03.09

Fl-istess żmien li kont hemm, kelli x-xorti nżur ukoll lil Dun Ġużepp Camilleri, missjunarju Għawdxi ieħor fil-Gwatemala u liż-żewġ isqfijiet Maltin missjunarji fil-Honduras: Mons. Joe Bonello OFM, isqof ta’ Juticalpa, u Mons. Robert Camilleri OFM, isqof ta’ Comayagua. Flimkien magħhom u ma’ Dun Anton kelli wkoll ix-xorti nkunu preżenti għall-Beatifikazzjoni tal-Isqof martri Mons. Oscar Romero, f’El Salvador. Kienet ġrajja kommoventi li għaliha attendew eluf kbar ta’ nies mill-America kollha, ta’ fuq u t’isfel, u minn pajjiżi oħra tad-dinja. Għalija dawn il-mumenti kienu kollha “grazzji” li l-Mulej tani u li komplew jgħanu l-esperjenza tiegħi fil-Guatemala.

Kienet esperjenza li għallmitni ħafna. Tgħallimt inħares lejn il-Knisja b’viżjoni aktar wiesa’ u nara x’kapaċi jagħmel Alla fil-qalb tal-poplu tiegħu. Tgħallimt li l-ferħ veru ma jinsabx fil-kumdità u l-lussu ta’ dinja konsumistika, bħal dik li ngħix fiha fl-Ewropa, imma f’qalb sempliċi u umli miftuħa għal Alla. Tgħallimt li l-veru faqar mhuwiex dak materjali imma dak spiritwali, morali u psikoloġiku. Fil-fatt iltqajt ma’ ħafna persuni foqra fil-Guatemala imma li huma sinjuri għax għandhom il-paċi f’qalbhom. It-tbissima ta’ wiċċhom tikxifhom! Tgħallimt, għalhekk, li jekk irrid inkun ferħan, anke bħala saċerdot, irrid ninża’ aktar minn dak li hu superfiċjali u mmur direttament għal dak li hu essenzjali u veru. Tgħallimt li anke l-foqra għandhom ħafna x’jgħallmuni u x’jagħtuni; fil-fatt mhux l-ewwel darba li quddiemhom ħassejtni fqir. Ħsibt li sejjer hemm biex “nagħti” imma spiċċajt “nirċievi”. Mingħalija sejjer hemm biex niftaqar, imma fil-verità mort fqir u ġejt sinjur! Nistqarr li, quddiem ir-rikkezza li rajt fil-qalb ta’ dawk in-nies, speċjalment fejn jidħol l-għatx għal Kristu, xtaqt nibqa’ magħhom; imma billi l-missjoni tiegħi issejjaħli lura lejn Għawdex, nixtieq almenu nieħu miegħi dak kollu li rċivejt.

DSC03312

Nitlob lill-Mulej jgħinni biex ma nitlef xejn minn dak li tani, imma nkompli ngħożżu u nibdlu f’ġid għal dawk kollha li niltaqa’ magħhom fil-futur.

DUN DANIEL XERRI